Darba waħda kien hemm saħħara xiħa għakka. Din kien jisimha
Malinja. Hija kellha mniħirha mgħawweġ ganċ u dejjem kienet tilbes kappell iswed bil-ponta. Il-libsa tagħha kienet sewda faħma u tinten pesti. Magħha kien jgħix Nigru,
qattus iswed tuta. Huma kienu joqogħdu ġo għorfa ċkejkna f'bosk kbir. Ġewwa l-għorfa kellha ħafna imbarazz - vażetti, fliexken, kaxxi, galdaruni, borom... kollha mimlijien ingredjenti sigrieta biex bihom tagħmel xi taħlita maġika.
Barra mill-bosk, ftit 'il bogħod minn fejn kienet toqgħod Malinja, kien hemm il-palazz irjali. Hemm kien joqgħod il-Prinċep Ġiljanu. Malinja kienet miġnuna warajh. Riedet tiżżewġu bil-fors imma hu
b'xejn ma riedha għax kienet kerha ħsara. Għaldaqstant kuljum kienet tħawwad u tgerfex fil-borma kbira tagħha,
tipprova tagħmel xi maġija biex tisbieħ.