Damu ġimgħat
jistennew il-Prinċep Ġiljanu jerġa' lura d-dar, imma kien kollu għalxejn. Fittxewh fuq li fittxewh. Ir-re bagħat is-suldati tiegħu jfittxuh fil-bosk, fuq il-muntanji, fil-widien, fejn il-baħar u kullimkien. Ċemplu lil sħabu kollha biex jaraw kienx mar għandhom u rrappurtaw l-għibien fuq il-gazzetti, l-internet u t-televiżjoni.
Wara ħafna ġimgħat qatgħu qalbhom li se jinstab. Xħin l-għarusa tal-prinċep, il-Kontessa Alisja, saret taf li l-prinċep
kien sparixxa għal dejjem, tgħidx x'bikja bkiet u ħarbet tiġri għal ġol-bosk
biex toqgħod waħidha. Poġġiet bilqegħda f'xifer l-għadira tibki u tolfoq.
"X'biċċa ġratli! X'biċċa ġratli! Kif se ngħix mingħajr l-għażiż tiegħi Ġiljanu?"
F'daqqa waħda
qabeż żrinġ fuq ġebla u beda jgħajjat "Krok! Krok!" Għall-ewwel
il-Kontessa Alisja ma tatx kasu imma wara ftit, indunat li ż-żrinġ kellu kuruna
fuq rasu.
"Dan kif
għandek kuruna bħal tal-Prinċep Ġiljanu?" staqsietu.
"Krok!
Krok!" weġibha ż-żrinġ u qabeż qabża għal fuq ħoġorha.
Il-Kontessa
ntebħet li dan kien il-Prinċep Ġiljanu u għannqitu magħha u tatu bewsa. Hekk
kif bisitu, iż-żrinġ reġa' nbidel fil-Prinċep Ġiljanu!